Sunday, July 6, 2008

Festa tal-Beatu Nazju Falzon, Terzjarju Franġiskan


Din is-sena wkoll l-Ordni Franġiskan Sekular se jiċċelebra l-Festa tal-Beatu Nazju Falzon. Ser tiġi ċċelebrata Quddiesa l-Belt Valletta, fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù (magħrufa bħala Ta’ Ġieżu u fejn jinsab midfun il-Beatu) nhar it-Tnejn, 30 ta’ Ġunju fil-18.15 p.m.

Il-Ħajja ta’ Nazju

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju 1813 fid-dar numru 49, Triq id-Dejqa l-Belt. Il-ġenituri tiegħu kienu l-avukat Ġużeppi Falzon li aktar tard laħaq imħallef u martu s-sinjura Marija Tereża Debono.

Nazju ġie mgħammed fil-Knisja ta’ San Duminku fil-Belt nhar it-2 ta’ Lulju, jiġifieri l-għada li twieled. Hu kellu tlett ħutu oħra kollha subien. Dawn kienu Dun Franġisk, Dun Kalċidon u Antonju li kien avukat.

Ta’ 21 sena Nazju kien diġà llawrijat avukat u duttur tal-Liġi Kanonika. Hu sar avukat biex ikun jista’ jgħin lill-foqra b’xejn. Minħabba li dak iż-żmien kien hawn ħafna baħrin u suldati, Nazju beda jlaqqagħhom u beda l-appostolat tiegħu ta’ konverżjoni magħhom. Sas-sena 1840 Nazju kien ilaqqa’ fid-dar tiegħu madwar 30 suldat kull filgħaxija u kull nhar ta’ Ħadd in-numru ġieli laħaq il-100. Meta n-numru tas-suldati beda dejjem jiżdied, bosta suldati Protestanti kienu qed jiġu mħajra mis-suldati Kattoliċi Irlandiżi biex jattendu għal-laqgħat li kien jagħmlilhom Nazju fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-belt.

Nazju kien ta’ kuljum ilaqqa’ lis-suldati kuljum kwarta wara l-Ave Marija u wara li kien jingħad ir-Rużarju, kien ikun hemm anke xi katekisti biex iħarrġuhom fir-Reliġjon Kattolika. Ġieli kien ikun hemm xi mgħamudijiet. Kien ikun hemm il-qrar ukoll.

Bil-ħidma ta’ Nazju kkonvertew 650 Protestant, 4 Għarbi u 2 Lhud. Dan kien tassew appostolat abbundanti. Nazju Falzon kien iddedika ħajtu għall-appostolat tat-tagħlim tal-Katekiżmu tal-kbar u tat-tfal.

Fid-9 ta’ Mejju 2001 il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Beatu waqt żjara f’Malta flimkien ma’ Ġorġ Preca, issa Qaddis, u Adeodata Pisani.

Jekk tridu tkunu tafu iżjed fuq il-ħajja tiegħu żuru l-Websites

http://www.geocities.com/vennazfal/
http://www.ofm.org.mt/downloads/ahbar/ahbar2006/ahbarjul06.pdf
http://www.freewebs.com/museumstjulians/qaddisinmaltin.htm

No comments: