Sunday, August 3, 2008

2 TA’ AWWISSU: FESTA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAL-PORZJUNKOLA

IL-MAĦFRA “KBIRA” TA’ SAN FRANĠISK T’ASSISI

Missierna San Franġisk kellu mħabba speċjali lejn il-Verġni Mqaddsa u għalhekk kellu ħafna għal-qalbu il-kappella ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli, magħrufa bħala “Porzjunkola” (li bit-Taljan ta’ dak iż-żmien kienet tfisser ‘sehem żgħir’), li hu kien sewwa b’idejh stess. Kien f’dan il-post li waqqaf l-Ordni ta’ l-Aħwa ż-Żgħar, inawgura l-Ordni tal-Klarissi u temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art b’mewta qaddisa.
F’jum sajfi ta’ 1216, Franġisku, flimkien ma’ Fra Masseo, telaq lejn Peruġja, fejn kien qiegħed joqgħod il-Papa, u qallu,
“Il-bieraħ kelli dehra ta’ Kristu flimkien ma’ Ommu Marija imdawwrin bl-Anġli tas-sema ġewwa l-Kappella ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli. Hemmhekk il-Mulej qalli, ‘Franġisku, itlobni dak li trid għall-glorja t’Alla u l-fidwa tal-bnedmin.’
Il-Qaddis irrispondih, “Mulej, nitolbok, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa, Avukata tal-bnedmin kollha, u li tinsab hawn, li tagħti indulġenza lil kull min iżur din il-Knisja.”
Il-Verġni mqaddsa baxxiet rasha quddiem Binha biex turi li di kit-talbet kienet tagħha wkoll, u t-talba tagħha ġiet milquha. Ġesù, mbagħad, qal lil Franġisku biex imur Peruġja biex jikseb dak li xtaq mingħand il-Papa.
Malli sab ruħu fil-preżenza tal-Papa Onorju III, Franġisku qallu, “Ftit taż-żmien ilu, sewwejt Knisja ddedikata lil Marija, l-Imqaddsa Omm Alla. Jiena ġejt għandek biex nitlob li kull min iżur din il-Knisja fil-jum li ġiet ikkonsagrata, ikun jista’ jikseb indulġenza mingħajr il-ħlas ta’ ebda offerta.”
Il-Papa qallu, “U għal kemm il-sena trid li tingħata din l-indulġenza? Sena? Tlett snin?”
“Missier Qaddis, x’inhuma tlett snin?”
“Tridha għal sitta? Jew anki sebgħa snin?”
“Jiena mhux snin nixtieq, iżda erwieħ!”
“X’jiġifieri, ‘erwieħ’?”
“Irrid ngħid li kull min jidħol f’din il-Knisja, wara li jkun qerr u jieħu l-assoluzzjoni, jirċievi l-maħfra ta’ dnubietu kollha, kemm il-ħtija, fik ukoll il-piena.”
“Iżda qatt għadha ma ngħatat ħaġa bħal din!”
“Missier Qaddis! Mhux qiegħed nitkellem hekk min rajja, iżda ghaliex bgħatni l-Mulej Ġesù!”
“Mela fl-Isem tal-Mulej, ħa jsir kif tixtieq inti, jiena nagħtihielek għal dejjem, iżda darba fis-sena biss, jiġifieri mill-ewwel Għasar sa l-Għasar tal-Festa.
(Armstrong, Regis A., FRANCIS OF ASSISI- THE PROPHET, Vol III, p.806- 812.
FONTI FRANCESCANE)

Hekk ingħatat din l’Indulġenza; iżda l-Papiet ta’ wara żieduha. Taw, mhux biss dak li kien talab San Franġisk għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli – jiġifieri kuljum – iżda kabbruha wkoll! Tant li llum m’hemmx bżonn li wieħed imur f’din il-Knisja ġewwa Assisi biex jikseb din l-Indulġenza, għaliex jista jiksibha f’kull Knisja Franġiskana u f’kull Knisja Parrokkjali.
________________________________
KUNDIZZJONIJIET BIEX TIKSEB IL-“MAĦFRA L-KBIRA” TA’ ASSISI:
Biex tinkiseb din l-Indulġenza Plenarja, wieħed għandu:

1. Iżur Knisja Franġiskana jew Knisja Parrokkjali minn-Nofsinhar tat-Tnejn, 1 t’Awwissu sa Nofs il-Lejl tat-Tlieta, 2 t’Awwissu;
2. Fiha jitlob “Missierna”, Kredu u Talba oħra skond l-intenzjoni tal-Papa (per eżempju Pater, Ave Glorja);
3. Jersqu għall-Qrar u t-Tqarbin matul dawn il-jumejn (jew ftit ġranet qabel jew wara).


X’INHI L-INDULĠENZA
1471 “L-indulġenza hi l-maħfra quddiem Alla tal-piena taż-żmien li kienet tistħoqq minħabba dnubiet li tagħhom ġa tħassret il-ħtija. Maħfra li n-nisrani b’dispożizzjoni tajba jikseb taħt ċerti kundizzjonijiet determinati, permezz tal-ħidma tal-Knisja li, bħala dispensatriċi tal-fidwa, tqassam u tapplika bl-awtorità tagħha t-teżor tal-merti ta’ Kristu u tal-qaddisin”.
“L-indulġenzi huma parzjali jew plenarji skond jekk jeħilsux parti mill-piena taż-żmien li kienet tistħoqq għad-dnubiet jew ineħħuha kollha”. L-indulġenzi jistgħu jintrebħu kemm għall-ħajjin u kemm għall-mejtin. (Katekiżmu tal- Knisja Kattolika, Nu. 1471)

IL-PWIENI TAD-DNUB
Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, N°1472 Biex nifhmu din id-duttrina u din id-drawwa tal-Knisja għandna nkunu nafu li d-dnub iġib miegħu żewġ konsegwenzi. Id-dnub il-mejjet itellfilna l-għaqda ma’ Alla, u għalhekk ma nkunux nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem, u ċ-ċaħda ta’ din il-ħajja tissejjaħ “il-piena ta’ dejjem” tad-dnub. Minn-naħa l-oħra kull dnub, ukoll dnub venjali, iġib miegħu rabta ħażina mal-ħlejjaq, u minn din ir-rabta wieħed irid jitfejjaq jew f’din id-dinja, jew wara l-mewt fi stat li nsejħulu l-Purgatorju. Din it-tisfija teħles minn dik li nsejħulha “l-piena taż-żmien” mistħoqqa għad-dnub: Dawn iż-żewġ pwieni ma għandniex inqisuhom xi vendetta fuqna minn-naħa ta’ Alla, imma huma pwieni li joħorġu min-natura stess tad-dnub. Sogħba u konverżjoni li jkunu gejjin minn imħabba kollha ħeġġa jaslu biex jeħilsu għal kollox il-midneb, hekk li ma jkollux ebda, piena xi jnallas.. ""

1473 Il-maħfra tad-dnub u l-ħbiberija mill-ġdid ma’ Alla jġibu magħhom ukoll il-maħfra tal-piena ta’ dejjem għad-dnub. Iżda l-pwieni taż-żmien jibqgħu. In-nisrani għalhekk għandu jħabrek biex huwa u jilqa’ bis-sabar kollu t-tbatijiet u tiġrib tal-ħajja ta’ kull jum, meta jasal il-waqt, jersaq bla biża’ lejn il-mewt; għandu jħabrek biex b’għemejjel ta’ ħniena u ta’ mħabba, flimkien mat-talb u mal-ħafna suriet ta’ penitenza, jinza’ għal kollox mill-“bniedem il-qadim” u jilbes “il-bniedem il-ġdid” (ara Ef 4,24).

No comments: