Sunday, June 15, 2008

13 ta' Ġunju - Sant'Antin ta' Padova


Sant’Antnin u l-Ewkaristija

Jekk sa mill-bidu kien hemm mewġ ta’ nuqqas ta’ twemmin dwar il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija Mqaddsa, dan kien jinħass ħafna fis-seklu 13, iż-żmien li fih kien jgħix Sant’Antnin ta’ Padova, imsejjaħ ukoll il-Qaddis ta’ L-Ewkaristija. Il-ġrajja storika tal-miraklu ta’ l-Ewkaristija u l-ħmara fil-ħajja tal-qaddis, tirrifletti tajjeb kemm tassew l-ereżija kontra l-preżenza reali fl-Ewkaristija kienet isserrep ġmielha.

Il-fatt gara f’Rimini, l-Italja. Wieħed nobbli bl-isem ta’ Bonillo ried iwaqqa’ għaċ-ċajt il-priedka ta’ S.Antnin dwar il-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija Mqaddsa. Dan beda jxewwex in-nies kontra t-tagħlim tal-qaddis u darba kellu l-ħila jisfida wkoll lil S.Antnin b’imħatra. Sar ftehim bejniethom, iltaqgħu fil-pjazza tal-belt, S.Antnin ħa l-Ewkaristija Mqaddsa filwaqt li Bonillo ħa ħmara msawwma bil-guħ għal tliet ijiem. B’għaġeb ta’ kulħadd, kif il-ħmara waslet quddiem il-qaddis bl-Ewkaristija fidu, dik ċediet u bħal niżlet għarkobbtejha biex tadura lis-Sagrament Imqaddes. Kien kollu għalxejn li dak il-ħin ressqulha l-ikel biex tiekol u saħansitra bdew iniggżuha u jsawtuha, il-ħmara baqgħet b’wiċċha fl-art sa ma l-qaddis ta s-sinjal biex in-nies imorru lura f’purċissjoni bis-Sagrament lejn il-knisja mnejn kienu ġew.

Wieħed jistaqsi: għalfejn dan il-miraklu u tant oħrajn li saru wara? It-twegiba hi waħda għalina u minħabha fina, biex nemmnu u nħobbu lil Ġesù preżenti fl¬-Ewkaristija Mqaddsa. Sant’Antnin kompla jxerred din il-verità bit-tagħlim tiegħu li ħallielna fil-priedki msejħin Sermones. U għalfejn saret dik is-sena ddedikata għall-Ewkaristija? Biex insaħħu t-twemmin tagħna, biex nuru mħabbitna bl-għemil, biex ngħixu l-Ewkaristija Mqaddsa. Kif? Billi nżuru ta’ spiss knisja fejn hemm it¬-tabernaklu bl-Ewkaristija, nieħdu sehem kull meta ssir xi adorazzjoni Ewkaristika, kull darba li nidħlu u noħorġu mill-knisja nsellmu lis-Sagrament bil-qalb u bil-qima. Nisimgħu ta’ spiss il-quddiesa u nħejju ruħna sewwa għat-tqarbin. Wara, nagħmlu djalogu ma’ Ġesù li jkun fina. Meta ngħaddu minn quddiem knisja nagħmlu sinjal ta’ rispett lil Ġesù fl-Ewkaristija.

Dawn u hwejjeg oħra kien jagħmel il-qaddis Antonju matul ħajtu. Fuq l-eżempju tiegħu irridu aħna wkoll nikbru f’dik l-imħabba lejn Ġesù fl-Ewkaristija, dik l-istess imħabba li dwarha l-Mulej kien staqsa lil Pietru għal tliet darbiet: "Inti tħobbni?"

No comments: